Tags

, , , , , ,

Dan il-blog post ktibtu għas-sit one.com.mt
http://www.one.com.mt/news/instabbilta-perikoluza/

Ftit tal-jiem ilu d-dinja assistiet għal attentat ta’ kolp ta’ Stat minn sezzjoni tal-militar Tork. Ftit siegħat wara t-traġedja ta’ Nizza, il-kontinent Ewropew kellu jerġa’ jassisti għat-tixtrid tad-demm ta’ ċittadini innoċenti. Għalkemm iż-żewġ avventiment ma jidhrux relatati, xorta waħda għandhom effett komuni – il-mewt u biża’ fost il-poplu.

Qabel ma rqadt, kont qed insegwi dak li kien għaddej. Xeni koroh u ta’ dieqa meta tara n-nies fit-toroq jiġġieldu, sparaturi fl-ajru u bombi jisplodu. Terrur u instabbilta’ politika li ma tawgurax tajjeb għal pajjiż li qed jaspira li jsir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea. Fis-siegħat inizzjali ta’ matul il-lejl kien qed jidher li dan il-kolp ta’ Stat kien se jirnexxi. Dalgħodu, malli qomt, mill-ewwel xelt il-laptop biex nara kif żvolġiet is-sitwazzjoni fit-Turkija. L-aħbarijiet irrapurtaw li l-kolp ta’ Stat falla, b’diversi uffiċjali jkunu arrestati mill-pulizija.

turkeycoup2016

L-attentat ta’ Kolp ta’ Stat fit-Turkija  Sors tar-ritratt: http://www.belfasttelegraph.co.uk

Mingħajr ebda dubju, dan l-attentat huwa ta’ dannu għall-President Tork Erdogan fejn, għalkemm issa jidher li reġa ha l-kontroll tal-pajjiż, wieħed ma jistax jeskludi li l-instabbilta’ tkompli tikber. Erdogan mhuwiex ġdid fejn tidħol kontroversja u kemm-ildarba ffaċċja protesti kontrih. Madankollu għandu sapport wiesa’ fost il-poplu Tork li b’hekk ħallietu jmexxi għal dawn l-aħħar tlettax-il sena.

Allura issa reġa’ kollox għan-normal?
Organizzazzjoni ma ssejjaħx kolp ta’ Stat għall-gost. Nemmen li l-qasba ma ċċaqċaqx għalxejn, iżda nkun prużuntuż jekk nitkellem fuq x’seta’ wassal għal dan.

Li huwa zgur hu li dan l-attentat temm il-hajja ta’ iktar minn mija u erbgħin persuna filwaqt li iktar minn elf u mitejn persuna oħra kienu rikoverati fl-isptarijiet f’Ankara u f’Istanbul. L-effett fuq il-familji li soffrew dawn it-tbatijiet żgur li mhux se jgħaddi faċilment.

Apparti l-hajjiet u ħsara fiżika, wieħed irid jara xi ħsara psikoloġika u politika l-kolp ta’ Stat se jħalli fuq il-pajjiż. Ikunu rresponsabbli jekk ma nirrikonoxxux kif dan l-attentat se jaffettwa lill-pajjiżi tal-madwar, is-sigurta’ taċ-ċittadini u l-istabbilta’ fir-reġjun.

Li jkollok kolp ta’ Stat hija serja mmens m’ghandux jittieħed b’mod leġġer. Huwa fl-interess tal-organizzazzjonijiet internazzjonali li jaraw x’wassal għal dan kollu. L-instabbilta’ f’dan ir-reġjun hija perikoluża ħafna, speċjalment meta tikkunsidra li t-Turkija hija pont  bejn il-kontinent Ewropew u l-Lvant Nofsani. Qed tberren gwerra bejn l-Ewropa u l-Istat Iżlamiku bbażati fis-Sirja u l-Iraq, u allura huwa aktar kruċjali li t-Turkija tkun politikament stabbli mingħajr gwerrer ċivili.

Huwa importanti li terġa tirrenja l-paċi u l-istabbilta’ fid-dinja – u l-politikanti għandhom jaħdmu għal dan il-għan u jaġixxu skont il-bżonn. Mhuwiex faċli, iżda ma nistgħux nibqgħu ċassi.

Dan id-diżgwid politiku u fundamentaliżmu reliġjuż huwa ta’ dannu għal kulħadd. Fl-aħħar mill-aħħar huwa ċ-ċittadin komuni, iċ-ċittadin innoċenti l-iktar li qed ibati.

Advertisements